Mur għall-kontenut ewlieni
Climate Action

Trasparenza tal-finanzjament internazzjonali għall-klima

Hekk kif il-flussi internazzjonali tal-finanzjament għall-klima jiżdiedu, it-trasparenza hi għodda importanti biex tinbena l-fiduċja.

Hekk kif il-flussi internazzjonali tal-finanzjament għall-klima jiżdiedu, it-trasparenza hi għodda importanti għall-bini tal-fiduċja bejn il-pajjiżi sħab żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw. Tgħin ukoll biex tittejjeb l-effettività tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Traċċar tal-progress lejn il-mira ta’ $100 biljun

Il-Kummissjoni Ewropea u ħafna Stati Membri jikkontribwixxu b’mod attiv għal inizjattivi li jtejbu l-metodoloġiji tar-rappurtar u d-disponibbiltà tad-data dwar l-appoġġ finanzjarju għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Inizjattivi bħal dawn jinkludu l-Kumitat ta’ Assistenza għall-Iżvilupp tal-OECD, il-Grupp ta’ Ħidma Tekniku, ir-Riċerka Kollaborattiva tal-OECD dwar it-Traċċar tal-Finanzi għall-Azzjoni Klimatika u l-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna.

Dan hu importanti biex jiġi ttraċċat il-progress lejn l-għan konġunt tal-pajjiżi żviluppati li jimmobilizzaw USD 100 biljun fis-sena inkluż sal-aħħar tal-2025.

Qafas tar-rappurtar tal-UE

Il-qafas ta’ rappurtar attwali tal-UE dwar il-finanzjament għall-klima hu rregolat mir-Regolament dwar il-Governanza tal-UE adottat fl-2018.

Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jippreżentaw rapporti annwali dwar l-appoġġ finanzjarju, il-bini tal-kapaċità u l-attivitajiet ta’ trasferiment tat-teknoloġija pprovduti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-finanzjament hu inkluż ukoll fir-rapporti annwali ta’ progress tal-UE dwar l-azzjoni klimatika.

Qafas tar-rappurtar internazzjonali

Fil-livell internazzjonali, il-Partijiet għall-konvenzjoni tan-NU dwar il-klima (UNFCCC) jirrappurtaw l-appoġġ finanzjarju tagħhom lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw kull sentejn.

Fl-2024, ir-rappurtar se jibda japplika l-modalitajiet il-ġodda miftiehma fil-konferenza dwar il-klima ta’ Katowice tal-2018 li jistabbilixxu l-qafas ta’ trasparenza msaħħaħ skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

L-UE ppreżentat ir-Raba’ rapport biennali tagħha f’Diċembru 2019, inkluża informazzjoni dwar ir-riżorsi finanzjarji u t-trasferiment tat-teknoloġija.