Mur għall-kontenut ewlieni
Climate Action
Sergey Khakimullin
Id-diżinformazzjoni dwar il-klima

Id-diżinformazzjoni dwar il-klima hija t-tixrid intenzjonat ta’ informazzjoni falza fir-rigward tat-tibdil fil-klima u tal-azzjoni klimatika. Tista’ tieħu ħafna forom: minn negazzjoniżmu kategoriku u teoriji ta’ komplott għal diżinformazzjoni aktar sottili u aktar qarrieqa maħsuba biex tħawwad l-imħuħ billi ssostni li t-tibdil fil-klima mhuwiex ikkaġunat mill-bniedem jew li mhuwiex inkwetanti daqs kemm qed jgħidu x-xjenzati, u għalhekk m’hemm bżonn ta’ ebda azzjoni urġenti.

Id-diżinformazzjoni dwar il-klima tista’:

  • timmina l-fiduċja fix-xjenza
  • iddgħajjef l-appoġġ tan-nies għall-azzjoni klimatika
  • ixxekkel l-implimentazzjoni tal-istrateġiji politiċi u l-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima
  • timmina d-demokrazija

F’Marzu 2024, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi, li fiha nimpenjaw ruħna li niġġieldu kontra d-diżinformazzjoni dwar il-klima.

Kif tagħraf id-diżinformazzjoni dwar il-klima

1) Ivverifika s-sorsi

Ikkonferma l-kredibbiltà tas-sors billi tivverifika jekk jirreferix għal istituzzjonijiet xjentifiċi, ġurnali rieżaminati bejn il-pari, u mezzi tal-aħbarijiet ta’ reputazzjoni tajba.

2) Agħti kas tal-lingwa u tat-ton

L-użu ta’ lingwaġġ sensazzjonalist, esaġerazzjonijiet, u appelli għal emozzjonijiet qawwijin ilkoll jixegħlu bozoz ħomor meta tiġi biex tivverifika jekk hux il-każ ta’ diżinformazzjoni.

3) Ivverifika l-fatti

Agħmel użu minn websites indipendenti li jivverifikaw il-fatti biex jgħinuk tivverifika l-affermazzjonijiet.

Riżorsi u għodod għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dwar il-klima

Riżorsi tal-Kummissjoni Ewropea:

Riżorsi esterni:

X’tista’ tagħmel biex id-diżinformazzjoni dwar il-klima titwaqqaf?

Pariri mingħand l-ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku

  • Meta tiltaqa’ ma’ każijiet ta’ diżinformazzjoni, irrappurtahom — ħafna pjattaformi tal-midja soċjali għandhom funzjoni li tippermettilek tirrapporta kontenut li jkun ittella’
  • Tinvolvix ruħek ma’ kontenut ta’ diżinformazzjoni fuq il-midja soċjali biex ma tamplifikax il-messaġġ u tiġbed aktar attenzjoni fuqu
  • Agħmel il-parti tiegħek biex tixxerred informazzjoni korretta permezz tal-mezzi u l-kuntatti li bihom tikkomunika, online u offline
  • Kun af bil-preġudizzji tiegħek innifsek u ikseb l-informazzjoni tiegħek minn sorsi differenti sabiex ikollok perspettiva bbilanċjata

X’qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea biex tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni?

Il-mod kif taħdem il-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza d-diżinformazzjoni dwar il-klima huwa inkluż fil-politika ġenerali dwar id-diżinformazzjoni, li hija ffukata fuq:

  • li niżviluppaw politiki li jsaħħu d-demokraziji tagħna, jagħmluha aktar diffiċli għad-diżinformaturi biex jużaw ħażin il-pjattaformi online, u jipproteġu lill-ġurnalisti u l-pluraliżmu tal-midja
  • li ninfurmaw aktar lin-nies dwar id-diżinformazzjoni u dwar il-preparatezza u r-rispons tagħna
  • li niżviluppaw ir-reżiljenza tas-soċjetà kontra d-diżinformazzjoni permezz tal-litteriżmu fil-midja u tal-verifika tal-fatti
  • li nikkoperaw ma’ istituzzjonijiet oħrajn, mal-awtoritajiet nazzjonali, jew ma’ partijiet terzi

Riżorsi għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni

X’tista’ tagħmel biex tibqa’ infurmat u impenjat: segwina fuq l-Instagram, il-LinkedIn, u t-Twitter, u abbona għall-bullettin li noħorġu kull xahar biex ikollok aċċess għal aġġornamenti u informazzjoni affidabbli li tista’ faċilment taqsamhom mal-familja u mal-ħbieb.